Twemmin tiegħi

L-Ewropa progressiva li rridu nibnu miegħek hija ħielsa, ġusta u sostenibbli.

Fl-Ewropa nsolvu n-nuqqasijiet ta’ qbil madwar il-mejda tan-negozjati. Ta’ spiss, dan huwa proċess diffiċli (u xi kultant mhux daqstant pjaċevoli), proċess li normalment iseħħ meta mhux mistenni. Kultant naraw ftit ritratti fuq it-TV jew naqraw xi ftit dwar dan fuq il-gazzetti bil-possibiltà li naqtgħu qalbna nsegwu f’nofs triq imma ma nistgħux ninjoraw il-fatt li dan hu miraklu żgħir, jekk nagħtu ħarsa lura lejn l-istorja tal-Unjoni Ewropea.

Minħabba li sa sebgħin ilu, il-biċċa l-kbira tad-differenzi bejn il-pajjiżi Ewropej ġew riżolti fuq il-kampijiet tal-battalja bil-konsegwenza ta’ bliet ibbumbardjati u ħajjiet issagrifikati u meqruda. Kull min jirnexxilu jirbaħ il-gwerra, ikun fuq is-siġġu tal-poter sal-gwerra li jmiss. B’riżultat ta’ dan, in-nies ordinarji ħallsu l-prezz bil-propjetà tagħhom, il-prosperità tagħhom, saħħithom jew saħansitra ħajjithom.

L-Unjoni Ewropea hija l-istrument li tevita dan id-destin, destin li ġie fdat lilna mill-ġenituri u nanniet tagħna bil-għan li nużaw forma unika ta’ kooperazzjoni biex innaqqsu d-differenzi nterni u nipprovdu tweġibiet kollettivi għal sfidi li ma nistgħux naffaċċjaw waħedna. L-istorja tal-Ewropa qatt daqs illum ma provdiet strument aħjar jew perjodu itwal ta’ paċi.

Dan ma jfissirx li l-UE hija perfetta. Għandna bżonn intejbuha, nadattawha għall-isfidi li qed naffaċċjaw illum u li se niltaqgħu magħhom fil-futur u nġibuha eqreb tan-nies li sservi. Għandna nibnu Ewropa ġusta, ħielsa u sostenibbli.

L-Unjoni Ewropea hija strument li tiddefendi l-valuri tagħna. Fiż-żminijiet kurrenti, dan mhuwiex kompitu faċli. Id-dinja qed tinbidel b’ritmu mgħaġġel ħafna. It-teknoloġija tinsab fil-ponta li tbiddel radikalment il-mod kif naħdmu, nipproduċu, nikkunsmaw u nimpenjaw ruħna ma’ xulxin. Setgħat oħra li d-dinja timponi fuqna huma l-miżuri kummerċjali jew li jdgħajfuna politikament sabiex il-vuċi morali tagħna ma tibqax iżżomm kejl importanti fix-xena dinjija. It-terroriżmu għadu theddida għall-istil ta’ ħajja tagħna, bħalma hi l-kriminalità organizzata. Id-drittijiet tan-nisa qegħdin jerġgħu jiġu attakkati.

Aħna nemmnu f’Ewropa li tieħu ħsieb lil kullħadd, taqsam b’mod ġust, tagħti l-ispazju lin-nies biex jagħżlu b’mod liberu kif iridu jgħixu, lil min iridu jħobbu, inkluż dak li jridu jew ma jridux jemmnu fih. Ir-regoli japplikaw għalina lkoll, irrispettivament mid-daqs u s-saħħa tagħna, l-età, in-nazzjonalità, is-sess, il-fidi jew l-oriġini tagħna.

Għandna bżonn nibnu Ewropa aktar sostenibbli, ibbażata fuq l-ekonomija ċirkolari. In-natura qiegħda tilħaq il-limiti tagħha, l-oċeani tagħna jinsabu f’riskju li jissofokaw fil-plastik u t-tniġġiż tal-arja qed tifforma theddida kbira għas-saħħa tagħna. Il-bidla fil-klima mhijiex xi ħrafa iżda verità morra u inkonvenjenti. Għad hemm iċ-ċans li tinbidel. Għandna bżonn inbiddlu l-mod kif ngħixu, fil-mod ta’ kif inżidu r-responsabiltà tagħna fin-negozjati kummerċjali tagħna għal ħaddieħor u anke l-mod kif nużaw ir-riżorsi tad-dinja.

Hemm kwistjonijiet oħra li jirrikjedu l-kuraġġ u l-unità biex jiġu indirizzati. L-immigrazzjoni hija fenomenu globali li titlob soluzzjoni globali għal dawk li qed ifittxu ħajja aħjar barra mill-pajjiż kif ukoll dawk li jgħixu fil-postijiet tal-wasla. L-Ewropa se tkun qed tgħin biex issawwar din id-dinja li qed tinbidel mil-lejl għan-nhar flimkien mal-ħbieb u l-alleati tagħna? Jew se nibqgħu ġewwa, inweħħlu f’xulxin jew sempliċiment ninħbew wara l-ħitan u l-ibħra tagħna u nħallu d-dinja ta’ għada biex tkun iffurmata minn oħrajn li m’għandhomx l-aħjar interessi? Se nfittxu soluzzjonijiet permezz ta’ kooperazzjoni jew konfrontazzjoni?

Jiena nemmen li l-Ewropa u d-dinja għandhom jiġu ffurmati u strutturati permezz tal-kooperazzjoni. Dan huwa l-uniku mod li bih inkunu nistgħu nwieġbu b’risposti li jaqblu mal-valuri tagħna. Irridu nikkooperaw biex niddefendu l-interessi Ewropej tagħna f’dinja li qed tinbidel. B’dan il-mod biss nistgħu niżguraw li xogħol onest iwassal għall-paga ġusta, li l-kumpaniji jħallsu t-taxxi meta jagħmlu l-profitti tagħhom, li l-pajjiżi ma jitħallewx kontra xulxin minn korporazzjonijiet kbar u li aħna ma nagħmlux tellieqa perikoluża biex nikkunsmaw ir-riżorsi prezzjużi tad-dinja.

Nies bħal Putin u Trump jemmnu fit-tmexxija tal-poter. Mhux sigriet magħruf li Putin u Trump iridu jaraw li l-UE u n-nazzjonijiet individwali tagħha jiddgħajfu jew li jiddikjaraw l-ammirazzjoni tagħhom għan-Nazzjonalisti fi stati Ewropej differenti. Mhux biss għax jaqsmu l-opinjonijiet tagħhom dwar is-soċjetà, iżda wkoll għaliex jafu li n-Nazzjonalisti se jfittxu għedewwa kemm ġewwa kif ukoll barra mill-pajjiż. L-Ewropej li jibdew jaraw lil xulxin bħala għedewwa ma jikkooperawx u ma jkunux jistgħu jaħdmu għall-pożizzjoni kollettiva.

Il-futur huwa mimli inċertezzi, iżda dan ma jfissirx li għandna nibżgħu mill-futur. Għandna bżonn bidla fil-mentalità, mod ġdid ta’ ħsieb, attitudni li tqis il-bidla bħala opportunità u mhux theddida. Għandna bżonn tama... dwar l-impjiegi tagħna, dwar il-futur tat-tfal tagħna, dwar l-affarijiet li aħna naqsmu f’soċjetà diversa dwar kif nistgħu nillimitaw it-tibdil fil-klima, nimmaniġġjaw l-immigrazzjoni u nżidu s-sigurtà. M’għandniex inħallu l-biża’ tiggwidana. Ejjew ma ndawrux it-tħassib tagħna f’biża’, imma f’azzjoni.

L-għaqda Ewropea tagħtina s-setgħa li nifformulaw tweġibiet li d-dinja trid tisma’ dwarhom. Biex tilħaq dan, l-Unjoni Ewropea jeħtieġ li tibqa’ l-aqwa strument tagħna. M’għandniex inkissruha bħal xi nazzjonalisti li jixtiequ li jiġri dan, imma nibnuha u nagħmluha għodda aħjar. Aktar deċiżiva, aktar demokratika, aktar ġusta. Iffukata fuq il-mistoqsijiet il-kbar li jeħtieġu tweġibiet Ewropej. Inqas moviment f’suġġetti li jistgħu jiġu ttrattati aħjar miċ-ċittadini tal-istati membri tagħna.

Ejja nibnu din l-Ewropa ġdida flimkien.