Frans Timmermans ġie elett sitt darbiet bħala Membru tal-Parlament Olandiż għall-Partit van de Arbeid (Partit Laburista Olandiż), li serva mill-1998 sal-2007 u mill-2010 sal-2012. Huwa serva bħala Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Olanda mill-2012 sal-2014 u Ministru għall-Affarijiet Ewropej mill-2007 sal-2010.
F’Novembru tal-2014, Frans sar Viċi President ewlieni tal-Kummissjoni Ewropea. Bħala Soċjalist Demokratiku ta’ kariga għolja fl-Istituzzjoni, huwa responsabbli minn regolamentazzjoni aħjar, relazzjonijiet interistituzzjonali, l-Istat tad-Dritt, id-Drittijiet Fundamentali u s-Sostennibilita’. Frans jaħdem ukoll mill-qrib mas-seba’ Kumissarji tal-PSE tiegħu u mal-MPE Soċjalisti u Demokratiċi fil-Parlament Ewropew kif ukoll mal-Prim Ministri tal-PSE fil-Kunsill Ewropew.
Fl-erba’ snin tiegħu fil-Kummissjoni Ewropea, Frans mexxa x-xogħol tal-UE dwar is-sostenibilita’ u kien responsabbli għall-adozzjoni ta’ Strateġija Ambjentali Ċirkolari ambizzjuża u l-ewwel strateġija wiesgħa tal-plastik fid-dinja. Huwa kien involut ukoll fin-negozjati, l-adozzjoni u l-implimentazzjoni tal-UE marbuta mal-iżviluppi sostenibbli tan-Nazzjonijiet Magħquda tal-2030. Il-leġislazzjoni proposta minn Frans biex tindirizza l-plastik u t-tniġġis li jġib miegħu riċentament ġiet ivvutata mill-Parlament Ewropew. Huwa mexxa wkoll reazzjoni internazzjonali għall-isfida tat-tniġġis tal-plastik, billi ppreżenta l-proposti tal-Kummissjoni lil pajjiżi l-oħra tan-Nazzjonijiet Magħquda fi New York, u ħeġġiġhom biex jaqblu mal-ambizzjonijiet tal-Ewropa.
Frans jemmen bis-sħieħ fl-ugwaljanza bejn is-sessi u l-ġustizzja soċjali. Huwa ressaq leġiżlazzjoni li ttejjeb il-‘leave’ tal-familja għall-missirijiet, ommijiet u carers fl-Istati Membri kollha tal-UE, biex b’hekk tiġi appoġġjata l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-post tax-xogħol u fil-ħajja tal-familja. Enfasizza wkoll biex tiġi eliminata d-differenza fil-pagi bejn is-sessi, biex jiżdied in-numru ta’ nisa f’pożizzjonijiet ta’ tmexxija professjonali u politika, u kien difensur tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul biex tiġi eiliminata l-vjolenza kontra n-nisa. Huwa wkoll attiv kontra d-diskriminazzjoni, jiġġieled kontra l-estremiżmu u r-razziżmu fil-forom kollha tiegħu, u b’mod partikolari jikkoordina x-xogħol tal-Kummissjoni biex tiġi ndirizzata l-mibegħda anti-Musulmana u l-anti -Semitiżmu.
Frans huwa wkoll difensur kbir tal-valuri fundamentali tal-Ewropa u huwa partikolarment attiv fid-difiża tal-Istat tad-Dritt quddiem il-kriżi ta’ tendenzi awtoritarji ta’ ċerti gvernijiet nazzjonali. Huwa ddefenda l-aktar l-Indipendenza tal-ġudikatura fil-Polonja kontra influwenza eċċessiva tal-Gvern, filwaqt li riċentament żgura miżuri mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja biex tiġi bblokkata t-tneħħija tal-Imħallfin tal-Qorti Suprema.
Frans aċċerta wkoll l-isforzi tal-Kummissjoni biex iġġib bidla demokratika fl-UE, permezz ta’ parteċipazzjoni akbar taċ-ċittadini u aktar trasparenza fit-tfassil tal-politika tal-UE. Stinka wkoll biex il-pubblku jkun involut u l-politika tkun ibbażata fuq l-evidenza.
Qabel ma daħal fil-politika, Frans ħadem l-ewwel fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin fl-Olanda, fejn inħatar Deputat Segretarju ta’ l-Ambaxxata Olandiża f’Moska fl-1990, qabel ma rritorna fil-Ministeru fl-1993. Serva wkoll ta’ Konsulent u Segretarju Provat għal Max van der Stoel, il-Kumissarju Għoli għall-Minoranzi Nazzjonali tal-Organizzazzjoni għas-Sigurta’ u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa.
Frans huwa miżżewweġ u għandu erbat itfal. Twieled fl-1961, Heerlen, fir-reġjun ta’ Limburg, fl-Olanda. In-nanniet tiegħu kienu t-tnejn jaħdmu fil-faħam u missieru kien pulizija militari. Ommu, skont il-liġi Olandiża dak iż-żmien, kienet imġiegħla tieqaf mill-karriera tagħha meta żżewwġet. Din kienet waħdamill-esperjenzi bikrija li ħeġġet lil Frans jiddubita l-inugwaljanzi fis-soċjeta’ u biex jiġġieled għad-drittijiet tan-nisa matul il-karriera politika tiegħu.